Navigation Area:

Service Navigation:

Banner

TRUCK TOUR 2008

You are here:

>Daħla


Content Area:


Il-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Disabbiltà, 3 ta’ Diċembru

Stabbilit fl-1992, il-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Disabbiltà għandu l-għan li jippromwovi fehim ta’ kwistjonijiet relatati mad-disabilità u li jimmobilizza appoġġ għad-dinjità, drittijiet u benesseri ta’ persuni b’disabbiltà. Jipprova wkoll iqajjem għarfien tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-integrazzjoni ta’ persuni b’disabbiltà f’kull aspett tal-ħajja politika, soċjali, ekonomika u kulturali. Kull sena għandha tema differenti, li madwarha jiġu organizzati l-attivitajiet, u l-Jum 2008 huwa ddedikat għad-dinjità u l-ġustizzja għal kulħadd.

Biex tfakkar il-Jum Ewropew tal-Persuni b’Disabbiltà fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea qegħda torganizza, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Forum Ewropew dwar id-Disabbiltà (EDF), konferenza li sejra ssir bejn l-1 u 2 ta’ Diċembru fi Brussell. Intitolata "Acting locally for a society for all." (Azzjoni lokali għal soċjetà għal kulħadd), il-Konferenza sejra tirrifletti fuq il-progress sostanzjali li sar fl-appoġġ għal persuni b’disabbiltà matul l-2008, jiġifieri r-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Disabbiltà, u l-fokus fuq kif dawn l-iżviluppi huma esperjenzati fuq livell lokali. Aktar informazzjoni hija disponibbli minn fuq il-website tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-website tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Premju tal-Ġurnalisti 2008 – Il-Passi li Jmiss

Il-Premju tal-Ġurnalisti ‘Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni.’ issa ngħalaq.

Fil-ġimgħat li ġejjin, ġuriji magħmulin minn professjonisti tal-mezzi tax-xandir u minn esperti ta’ kontra d-diskriminazzjoni sejrin jiltaqgħu f’kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE sabiex jagħżlu rebbieħ nazzjonali u rebbieħ tal-premju speċjali. Ir-rebbieħa sejrin jitħabbru kmieni f’Diċembru. Imbagħad, ir-rebbieħa nazzjonali javvanzaw għall-kompetizzjoni Ewropea. Ir-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni sejrin jitħabbru kmieni fl-2009.

Konferenza ILGA-Ewropa “Aħseb Globalment, Aġixxi Lokalment”, 30 Ott-2 Nov 2008

ILGA world conference -  logo

ILGA-Ewropa, il-fergħa reġjonali Ewropea tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali Omosesswali (International Lesbian and Gay Association - ILGA), din is-sena qed torganizza l-konferenza annwali tagħha fi Vjenna, l-Awstrija. It-titolu tal-avveniment huwa “Aħseb Globalment, Aġixxi Lokalment”, u jirrifletti l-ħidma ta’ ILGA-Ewropa u tal-membri tagħha li jippromwovu standards u prattiċi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-implimentazzjoni tagħhom fuq livell lokali.

Il-kelliema f’din il-konferenza ta’ jumejn ser jinkludu lil Thomas Hammarberg, Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa. Id-diskussjonijiet fil-panel ser jeżaminaw l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u kif dawn id-drittijiet jistgħu jiġu integrati b’suċċess fl-għaxar snin li ġejjin, kif ukoll għalfejn dawn l-istandards m’humiex dejjem effettivi fil-prattika u kif dawn id-diffikultajiet jinstgħu jingħelbu, għal darb’oħra sabiex jiġi kopert perjodu ta’ għaxar snin. Aktar tagħrif jinsab fuq il-websajt ta’ ILGA-Ewropa.

Konferenza 2008 ta’ ILGA-Ewropa

Summit biex jiġu esplorati l-problemi li jiffaċċjaw il-komunità Roma fl-Ewropa


Roma protesting against discrimination

Fis-16 ta’ Settembru, ser issir konferenza ta’ ġurnata organizzata mill-Kummissjoni Ewropea fi Brussell sabiex jiġu eżaminati d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-komunità Roma tal-Ewropa u sabiex jiġu żviluppati miżuri sabiex tittejjeb il-qagħda tagħhom.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso għandu jiftaħ il-konferenza waqt li l-konklużjonijiet dwar id-diskussjonijiet li jkunu saru matul il-ġurnata ser jiġu ppreżentati minn Vladimír Špidla, il-Kummissarju għall-Impjieg, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs. Il-kelliema ewlenin huma mistennija li jinkludu lil Bernard Kouchner, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej fi Franza, li ser jirrappreżenta lill-Presidenza Franċiża tal-UE, u George Soros, President tal-Open Society Institute u tas-Soros Foundations network.

Id-diskussjonijiet fil-panel ser jinkludu membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll rappreżentanti ta’ ministeri u gvernijiet nazzjonali, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kunsill tal-Ewropa. Atturi tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw lill-komunità Roma, bħall-Uffiċċju Ewropew ta’ Tagħrif dwar ir-Roma (ERIO), il-Forum Ewropew dwar ir-Roma u l-Vjaġġaturi u l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Għeruq Roma, ukoll ser jagħtu sehem importanti fid-dibattiti tal-konferenza.

L-attendenza għall-konferenza hija bi stedina biss.

Programm għas-Summit Ewropew dwar il-Komunità Roma


Stejjer ta’ diskriminazzjoni fil-prattika madwar l-UE

Id-“Diversity Crew” huwa proġett uniku ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea li jlaqqa’ flimkien ċittadini minn 14-il pajjiż tal-UE li jaġixxu bħala riżorsa ta’ ‘għajxien’ kollettiv ta’ xhieda ta’ diskriminazzjoni. Il-membri tal-kollettiv, li huwa miftuħ għal kull min għandu storja x'jirrakkonta dwar il-ġlieda tiegħu jew tagħha kontra d-diskriminazzjoni, jieħdu sehem f’sessjonijiet ta’ taħriġ, seminars u konferenzi, kif ukoll f’avvenimenti kulturali u taż-żgħażagħ biex jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom ma’ persuni oħrajn. Din ix-xhieda inġabret ukoll fuq l-internet fil-forma ta' siltiet tal-vidjo u blog u f'DVDs sabiex tkun tista’ tilħaq udjenza usa'. Il-grupp kien iffurmat wara l-parteċipazzjoni ta' grupp ta' żgħażagħ fl-ewwel Summit Ewropew dwar l-Ugwaljanza, li fetaħ is-Sena Ewropea 2007 tal-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd. Dawn iż-żgħażagħ qasmu bejniethom l-esperjenzi tagħhom ta' diskriminazzjoni u t-tamiet għall-ġejjieni mal-udjenza, waqt li l-impatt tal-preżentazzjonijiet tagħhom wassal biex il-membri tal-grupp tkellmu wkoll waqt l-avveniment tal-għeluq tas-Sena u quddiem MPE fil-Parlament Ewropew.

Is-sit elettroniku tad-Diversity Crew

www.diversitycrew.eu

2007 – Sena Ewropea kontra d-diskriminazzjoni u għall-

Is-Sena Ewropea ta’ l-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd għaddiet u issa ż-żmien li nagħmlu l-konklużjonijiet u nevalwaw il-kisbiet u x’ħalliet warajha din is-Sena.

Sena Ewropea kontra d-diskriminazzjoni u għall-ugwaljanza

Il-Kummissarju Ewropew sejjer iniedi ‘It-Tur tat-Trakk 'Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni’

It-Tur tat-Trakk ‘Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni’ ta’ din is-sena sejjer jitnieda mill-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs, Vladimír Špidla fi Praga fil-21 ta’ Ġunju.

Bejn Ġunju u Ottubru, it-tur sejjer iżur għaxar Stati Membri ta’ l-UE: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u festivals, avvenimenti sportivi, universitajiet u fieri ta’ l-impjiegi u se jlaqqa’ flimkien lil negozji, NGOs, mużiċisti, artisti u l-pubbliku ġenerali sabiex jesploraw kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni u ta’ diversità. Aktar tagħrif se jkun disponibbli fil-ġimgħat li ġejjin – jew inkella tista’ tabbona fin-newsletter ‘Għad-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni’ għal aġġornamenti regolari.

It-tnedija sejra ssir fil-Festival ‘United Islands of Prague’, festival tal-mużika internazzjonali stabbilit li jseħħ fiċ-ċentru ta’ Praga u li jattira sa 20,000 viżitatur fis-sena.

Il-Festival ‘United Islands of Prague’ tagħrif biċ-Ċek biss)

Ibgħat l-avveniment tiegħek fil-kalendarju ta’ Waqqaf id-Diskriminazzjoni

Jekk qiegħed torganizza avveniment relatat mad-diskriminazzjoni jew mad-diversità inti mistieden tinkludih fil-kalendarju ta’ l-avvenimenti.

Biex tinkludi l-avveniment tiegħek, mur fil-paġna tal-kalendarju u daħħal id-dettalji, bħall-organizzatur, it-tip ta’ avveniment u deskrizzjoni ta’ l-attivitajiet. Imbagħad l-avveniment tiegħek jidher fuq il-website tal-kampanja, li huwa f’bosta lingwi, u li jżuruh nies mill-Ewropa kollha.

Biex tara avvenimenti fil-kalendarju, inti tista’ jew tfittex skond il-pajjiż, permezz tal-menu ‘drop-down’, jew għal lista sħiħa ta’ l-avvenimenti li jseħħu madwar l-UE, agħżel ‘il-pajjiżi kollha’.

 

Kalendarju ta’ l-Avvenimenti